Titnieda l-kampanja edukattiva Safety at Sea li tittratta r-rispett u l-osservazzjoni tar-regoli tal-baħar
13 JUNE 2025:Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiż-żona tal-Fajtata f'Marsaskala, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, flimkien ma' Transport Malta, nedew il-kampanja ta' edukazzjoni 'Safety at Sea'. Din il-kampanja annwali hija mmirata li toħloq għarfien marittimu, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf, fejn eluf ta' Maltin f'dawn iż-żminijiet jagħmlu attivitajiet sportivi jew ta' divertiment fil-baħar.
Il-kampanja 'Safety at Sea' se tinkludi mezzi ta' komunikazzjoni diversi bħal materjal edukattiv, informazzjoni online, kampanji fuq il-midja soċjali, kif ukoll kollaborazzjoni mal-komunitajiet lokali, għaqdiet sportivi u operaturi turistiċi biex il-messaġġ jilħaq lil kulħadd, minn tfal sa adulti, u minn Maltin sa barranin li jgħixu jew iżuru Malta.
Il-Ministru Chris Bonett qal, Il-baħar mhux biss riżorsa naturali mill-isbaħ imma wkoll parti mill-identità u l-istil ta' ħajja tagħna. Minkejja li kulħadd għandu d-dritt li jgawdi l-baħar, jeżisti wkoll l-obbligu li nipproteġu lilna nfusna u lil xulxin. Din il-kampanja hija importanti għaliex nemmnu li b'aktar għarfien, nistgħu nnaqqsu l-possibbiltà ta' inċidenti fuq il-baħar u riżultat t'hekk, insalvaw il-ħajjiet."
Il-Ministru faħħar ukoll ix-xogħol ta' tisbiħ u titjib t'infrastruttura ġewwa żoni tal-għawm f'diversi lokalitajiet fosthom Wied il-Għajn. Huwa rringrazzja l-ħaddiema ta' Infrastructure Malta u t-Tourism Zones Regeneration Agency, entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta Kurt Farrugia rrimarka, Bi ftit attenzjoni mingħand kulħadd, l-esperjenza fl-ibħra tagħna tista' tkun waħda iżjed sigura, responsabbli u fuq kollox aktar pjaċevoli. Għalhekk, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, Transport Malta ser tkun qiegħda tgħarraf iżjed lill-pubbliku dwar għawm u użu ta' dgħajjes privati b'mod responsabbli, għads sigur kif ukoll kontra qbiż fil-baħar minn għoli eċċessiv."
Transport Malta, bħala l-awtorità responsabbli għas-sigurtà fuq il-baħar, ser tkompli żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li kulħadd ikun infurmat dwar ir-regolamenti marittimi. Dan ser ikun ukoll possibbli permezz ta' kollaborazzjoni mal-komunitajiet lokali, għaqdiet sportivi u operaturi turistiċi biex il-messaġġ jilħaq lil kulħadd, minn tfal sa adulti, u minn Maltin sa barranin li jgħixu jew iżuru lil Malta. Permezz tat-taqsima tal-infurzar, l-istess awtorità ser tkun qed twettaq numru ta' spezzjonijiet fl-ibħra u l-bajjiet biex jitwaqqaf kull abbuż u ksur tar-regoli.